Site Developed and Manintained by Kevin Camilleri & Friends
L-Unjoni Philharmonic Society AD 1880
Messagg ta’ wara l-festa 2016…
Issa li l-festa ta’ Sant’ Andrija Appostlu għaddiet, nistgħu nħarsu lura b’nostalġija lejn il-ġranet li għaddew u fl-istess ħin nħarsu b’entużjażmu lejn l-impenji li għandha ppjanati s-Soċjeta’ għall-kumplament tas-sena. Għalkemm il-festa ta’ din is-sena kienet waħda differenti minn tas-soltu, minħabba n-nuqqas ta’ logħob tan-nar, xorta nistgħu ngħidu li kellna festa sabiħa u kkulurita. Dan minkejja d-diversi attivatjiet li kien hemm fl-istess perjodu bħal kampjonat tal-futbol Ewropew, iktar festi mis-soltu fl-istess ġimgħa eċċ. Dan juri li l-festa tagħna għandha għeruq sodi fost dawk li jħobbu jattendu l-festi u fuq kollox fost il-Ħalluqin.
Matul ir-riċeviment tat-28 ta’ Ġunju 2016 lqajna fostna lil Eċċ Tiegħu Patri Pawl Cremona sabiex bierek l-pittura l-ġdida li żżanżet f’waħda mis-swali, xogħol l-artist ta’ fama Pawlu Camilleri Cauchi. Din kien rigal sabiħ lis-Soċjeta’ mill-Assistent President Lawrence Cassar u l-familja tiegħu. Fl-istess riċeviment is-Soċjeta’ tagħna ġiet irregalata b’rigal ieħor mill-isbaħ, din id-darba mill-familja tal-mibki ex-President Ġakbu Ciappara. Din il-familja għoġobha tirregala sett statwi tal-Ġimgħa l-Kbira, xogħol Karlu Darmanin, li għal diversi snin ilhom jintramaw fil-Każin tagħna matul il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa. F’isem is-Soċjeta’ nirringrazzja lil dawn il-familji ta’ dawn id-donazzjonijiet uniċi li tawna.
Issa li għaddiet il-festa rridu nħarsu ‘l quddiem sabiex ix-xogħol ippjanat fil-kamra tan-nar tagħna isir mill-iktar fis. Kif spejgajt f’diversi okkażjonijiet, dan il-proġett ħa jkun wieħed pjuttost estensiv u għalhekk l-ispiża hi konsiderevoli. Kull min hu nteressat jgħin jista’ jagħmel dan billi javviċina lis-Sinjuri James Ciappara jew Dione Degabriele. Hu biss bis-sostenn finanzjarju li nistaw nirritornaw fil-qasam pirotekniku u għalhekk min hu vera partitarju għandu jersaq ‘il quddiem ħalli bl-għajnuna ta’ kulħadd naslu.
F’dak li għandu x’jaqsam il-banda il-ħidma fuq il-kunċert li jmiss ilha li bdiet minn Marzu li għadda. Dan il-kunċert ser ikun wieħed partikolari u għalhekk qed isiru ħafna preparamenti ħalli ntellgħu programm speċjali. Barra minn hekk, iktar tard din is-sena, ser tiġi formalment inawgurata s-sala l-ġdida tal-provi wara li jkunu tlestew l-aħħar xogħolijiet. Din is-sala għandha akustika tassew tajba u hi kompluta bir-raised flooring, arja kundizjonata, leġiji moderni eċċ.
Fi tmiem dan il-messaġġ mill-ġdid nirringrazzja lil kull ta’ sehmu sabiex kellna festa oħra sabiħa u li għaddiet b’wiċċ il-ġid. J’Alla nkomplu naħdmu flimkien bħala Soċjeta’ waħda sabiex insaħħu dak li bdjena. Sa Lulju 2017 għandna diversi sfidi, pero bl-għajnuna ta’ kullħadd żgur li naslu, kif dejjem wasalna.
Joseph Piscopo
President