
Tħabret il-mewt tal-Professur Charles E. Zammit, li kien Surmast tal-Banda L-Unjoni bejn is-snin 1979 u 2010. Hu ġie maħtur bħala l-ħdax-il Surmast tal-Banda L-Unjoni, wara l-mewt ta’ Mro Joseph Abela Scolaro, li bħalu kien Ħamruniż.
Il-Professur Charles E. Zammit studja l-euphonium, il-pjanu, it-teorija tal-mużika, u suġġetti oħra ma` uħud mill-aħjar għalliema fil-qasam tas-snin ħamsin, fosthom Carmelo Pace, Joseph Abela Scolaro, Joseph Casapinta u Bice Vassallo. Ta’ erbatax-il sena kkompona l-ewwel marċ brijuż tiegħu, li sar mill-ewwel popolari, bl-isem ‘Valley of Roses’. Ta’ sittax-il sena għamel l-ewwel kunċert fuq il-pjanu li kien ġie mxandar fuq ir-redifussion. Sentejn wara dderieġa għal ewwel darba banda u wara beda jidderieġi diversi baned u korijiet.
Hu kompla javvanza fl-istudju mużikali tiegħu f’universitajiet Ingliżi u Amerikani, fejn irċieva diversi diplomi, degrees u anke dottorat. Kien xandar ta’ programmi ta’ mużika klassika fuq diversi stazzjonijiet lokali u anke awtur ta’ diversi kotba fosthom ‘Music For Better Health And Better Living’. Mill-pinna tiegħu ħarġu diversi xogħolijiet mużikali, u anke arranġamenti ta’ xogħolijiet mużikali klassiċi għal banda, li komplew jagħmlu l-arkivju mużikali tal-banda tagħna aktar rikk.
Il-President u l-Kumitat tas-Soċjeta’ Filarmonika L-Unjoni jagħtu l-kondoljanzi lil ibnu, s-Surmast John D. Zammit, u lil familja kollha.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem
News / Next Events


